InterviewMedia

Filli Ferħana U Filli Mimlija Rabja – 29/03/2017 TVM

Lourdes hija omm ta’ żewġt itfal. Tnax-il sena ilu skopriet li għandha l-kundizzjoni mentali tal-Bipolar. “Kont bkejt, fuq li bkejt u bdejt inġib quddiem għajnejja t-tfal, u ngħid ‘min jaf dawk it-tfal, min jaf dawk it-tfal x’se jsir minnhom’. Barra minn hekk kelli ġlieda oħra, ġod-dar kelli l-vjolenza domestika li m’għenitx biex nirribatti l-bipolar. M’għenitni xejn.”

Tispjega li l-kundizzjoni tbiddilha l-burdati mil-lejl għan-nhar – filli ferħana u filli mimlija rabja u nervi. Tgħid li ma kellhiex kontroll fuqha nnfisha. “Kont pereżempju nonfoq ħafna flus f’affarijiet li mhumiex utli, mhumiex bżonjużi għal kuljum. Pereżempju ħwejjeġ, żraben, ġojjelleriji, make-up, facials u ħafna trattamenti,” spjegat Lourdes.

Tgħid li kienu jaħkmuha dwejjaq kbar. “Kont inħoss li għalija d-dinja spiċċat, kont qisni nindifen, dik hija l-kelma, allura mbagħad il-ġenituri tiegħi meta bdew jaraw dawn is-sinjali, bdew jinkwetaw ħafna għalija u ma kinitx faċli għalihom lanqas. Tistqarr li l-pariri tal-familji mhux dejjem joffru rimedju. “Ġieli jgħidulek, pereżempju, ‘se tibqa’ tieħu dawn il-pilloli? Dawk taf daqsix se jġibuk? Se jġibuk daqs kartell’… Però kieku smajt minnhom, min jaf x’ġara minni llum?”

Minkejja kollox, Lourdes tgħid li s-soċjetà nbidlet u qed taċċetta aktar nies bħalha. “M’għadhiex kif kienet qabel meta kien jgħidu ‘dak mar frankuni, dak tela’ frankuni ta, jew kollox hush hush, kollox minn taħt.’”Lourdes, illum, tgħin lil ħaddiehor li jbati b’din il-kundizzjoni fi ħdan l-għaqda Be Positive, Bipolar Self-Help Malta, li għada, fl-okkazzjoni tal-Jum Dinji tal-Bipolar, se tkun quddiem il-Qorti b’attività biex tqajjem kuxjenza dwar din il-kundizzjoni li tolqot madwar erbgħa minn kull mitt persuna.

Leave a Reply